Nhar it-Tnejn 25 ta’ Lulju 2022, ġiet organizzata attivita’ ta’ disseminazzjoni.  Il-Kulleġġ Santa Margerita stieden bosta rapreżentanti minn organizzazjonijiet varji u kulleġġi madwar Malta sabiex jaqsam magħhom il-prattiċi tajbnin li saru matul il-proġett T4E mill-iskejjel fi ħdanu.

Il-mistednin kienu ta’ għażla varjata, minn kulleġġi sħabna tal-istat, rapreżentanti minn skejjel privati u saħansitra rapreżentanza minn Universita’ fl-Estonja, fost oħrajn.

Kien t’unur għalina li qsamna ma’ ħaddieħor ix-xogħol siewi li sar u t-tagħlim li ħadu l-għalliema tagħna.

Żewġ għalliema ambaxxaturi ingħataw iċ-ċans jaqsmu mal-udjenza l-esperjenza tagħhom wara l-introduzzjoni li saret mis-Sur Charlot Cassar, Kap tal-Iskola Santa Margerita Żabbar B.

L-udjena kellha wkoll iċ-ċans tistaqsi mistoqsijiet dwar il-proġett u kif qed inħarsu ‘l quddiem, issa li l-proġett wasal fi tmiemu.

Bejn is-6 u l-10 ta’ Mejju 2022, ittellgħet l-Akkademja għad-Demokrazjija ta’ T4E ġewwa Malta.

L-attivita’, li saret ġewwa l-belt storika tal-Birgu, kellha l-għan li tgħaqqad il-parteċipanti flimkien u li jingħataw l-opportunita’ jsaħħu l-kompetenzi tagħhom permezz tal-proġett T4E.

Nhar il-Ġimgħa 6 ta’ Mejju saru r-reġistrazzjonijiet mill-parteċipanti u kien hemm iċ-ċerimonja tal-ftuħ.  Wara din l-attivita’ l-parteċipanti kellhom l-opportunita’ jkabbru l-konoxxenza tagħhom bejniethom waqt mixja spjegata fit-toroq storiċi tal-Birgu.  Wara saret attivita’ soċjali tipika Maltija f’Każin tradizzjonali Malti tal-banda.

Bejn is-7 u d-9 ta’ Mejju kien hemm tlett ijiem ta’ taħriġ dwar l-iżvilupp tal-kultura demokratika.  Kienu tlett ijiem produttivi ta’ taħriġ, diskussjoni, riflessjoni u evalwazzjoni tal-esperjenzi varji fil-qasam tad-demokrazija.

Nhar it-Tlieta 10 ta’ Mejju ingħalqet l-attivita’ b’mawra kulturali madwar Malta.  Kienet opportunita’ fejn wieħed seta’ jsaħħaħ ir-relazzjonijiet professjonali b’mod aktar informali.  Kienet ukoll opportunita’ fejn wieħed seta’ jgawdi l-ġmiel tal-pajżaġġ Malti, l-istorja u l-kultura Maltija.

F’Novembru tal-2021 tlaqqgħu l-parteċipanti ta’ Teachers 4 Europe (Għalliema għall-Ewropa), wara waqfa ta’ sentejn minħabba l-pandemija.  Waqt din il-laqgħa, ġewwa l-Universita’ ta’ Pireus il-Greċja, ġie deċiż kif ser nerġgħu nibdew il-mixja ‘l quddiem.

Bħala Kulleġġ ġie deċiż li ssir ġabra ta’ lezzjonijiet dwar valuri Ewropej.  Grupp ta’ disa’ għalliema ingħataw taħriġ dwar strateġiji varji għal-lezzjonijiet dwar valuri Ewropej.  B’riżultat ta’ dan it-taħriġ, ġie ffurmat ktejjeb ta’ lezzjonijiet li wara ġie pruvat u atwat fil-klassijiet minn numru ta’ għalliema.  Wara li ġie atwat, ġew miġbura bosta riflessjonijiet dwar dawn il-lezzjonijiet, dwar x’wieħed jista’ jirranġa fihom ħalli jkunu dejjem aħjar.  Wara dan il-proċess, l-għalliema qasmu x-xogħol tagħhom mal-parteċipanti l-oħra waqt Agora għall-għalliema li saret f’Ateni aktar tard.

Mill-31 ta’ Marzu 2022 sal-ewwel t’April 2022, l-għalliema ambaxxaturi tlaqqgħu waqt agora ġewwa Ateni fil-Mużew tal-Akropoli, sabiex jaqsmu bnejniethom l-prattiċi tajbin li saru matul dan il-proġett.

Il-Kulleġġ Santa Margerita kien rapreżentat minn erba’ għalliema.  Is-Sur Jason Inguanez u s-Sa MaryClaire Camilleri Saliba mill-Kulleġġ Santa Margerita Skola Primarja Żabbar B.  Is-Sa Stephanie Farrugia mill-Kulleġġ Santa Margerita Primarja Bormla u s-Sur Felix Lia mill-Kulleġġ Santa Margerita Skola Medja.

L-ambaxxaturi Maltin, flimkien mal-ambaxxaturi mill-iskejjel u l-entitajiet parteċipanti qasmu bejniethom ix-xogħol li sar mal-istudenti tagħhom.

L-ambaxxaturi ngħataw l-opportunita’ li jitgħallmu minn xulxin, jikbru u jimmaturaw professjonalment, ikunu kburin b’dak li wettqu, u jħossu sodisfazzjon professjonali li, bla dubju, jwassal sabiex l-edukaturi jitħajru jiparteċipaw f’aktar proġetti ta’ dan it-tip.  Kienet attivita’ edukattiva li tat ħjiel ta’ metodoloġiji differenti li, l-edukaturi jistgħu jiprattikaw f’sitwazzjonijiet u kuntesti differenti, sabiex iwasslu u jsostnu valuri Ewropej fl-iskejjel tagħna ma’ studenti ta’ kull eta’ u li ġejjin minn ambjenti differenti.

L-għalliema tal-iskola Primarja Santa Margerita Żabbar B fasslu lezzjonijiet dwar valuri Eworpej.

Bil-lezzjonijiet li tfasslu saret ġabra ta’ ħames lezzjonijiet fi ktejjeb li ser jitqassam mal-għalliema tal-iskejjel Maltin sabiex jiġu prattikati fil-klassijiet Maltin.

Il-ktejjeb jinkludi ħames lezzjonijiet:-

  1. Xi tfisser li tkun Ewropej
  2. Niskopru l-Unjoni Ewropea
  3. Pajjiżi fl-Unjoni Ewropea
  4. L-Ewro
  5. Europass CV

Dawn il-lezzjonijiet ġew pruvati f’żewġ skejjel tal-kulleġġ, li huma Primarja Żabbar B u Primarja Bormla.  Wara li ġew pruvati, l-għalliema taw l-opinjoni u r-riflessjoni tagħhom sabiex jittejbu l-lezzjonijiet.

Issa li l-lezzjonijiet ġew irranġati għall-aħjar forma tagħhom, ser jiġi ppublikat il-ktejjeb li ser jiġi mqassam fl-iskejjel ta’ kulleġġi oħra.

Περισσότερα Άρθρα...